Young Artists

Competition Canvas Logo

Sejħa lill-artisti kollha ta’ bejn 0 u 18-il sena:

Uża l-kreattività tiegħek biex tgħinna noħolqu dinja bi tniġġis żero!
It-tniġġis jaffettwa kull wieħed u waħda minna. Madankollu, hija prinċipalment il-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa li se tgħix il-futur bil-konsegwenzi ta' kif nittrattaw l-ambjent tagħna llum. Irridu nagħtu vuċi lil din il-ġenerazzjoni dwar kif huma jqisu l-kwistjonijiet ambjentali fid-dinja li jgħixu fiha, kemm jekk lokali kif ukoll jekk globali. Irridu nagħtuhom pjattaforma biex jimmaġinaw id-dinja aħjar tagħhom ta’ għada, dinja mingħajr tniġġis, u jesprimuha permezz tal-arti.

Din hija r-raġuni għaliex, qabel il-Ġimgħa Ekoloġika tal-UE ta’ din is-sena, qed inniedu sejħa għal entrati artistiċi taħt it-tema “Id-Dinja tiegħi mingħajr Tniġġis”, li tħeġġeġ lill-artisti żgħażagħ juru kif tista’ tidher dinja mingħajr tniġġis.

Dan huwa ċ-ċans TIEGĦEK li tagħmel il-ħiliet artistiċi tiegħek viżibbli fil-livell Ewropew u li turina d-dinja li trid tgħix fiha.

REGOLI U LINJI GWIDA

Artisti żgħażagħ Ewropej, ta’ 0-18, li jixtiequ jaqsmu l-viżjoni tagħhom ta' dinja mingħajr tniġġis.

Il-kontribuzzjonijiet artistiċi jeħtieġ li jindirizzaw it-tema tal-Ġimgħa Ekoloġika tal-UE ta’ din is-sena “Tniġġis Żero – biex in-nies u l-pjaneta jkunu aktar b’saħħithom”.

Il-parteċipanti huma mistiedna jissottomettu stampa li turi kif jimmaġinaw dinja mingħajr tniġġis, li tkopri diversi elementi jew li tiffoka fuq parti speċifika waħda, eż. arja, ilma, ħamrija mingħajr tniġġis jew prodotti ta’ kuljum li nużaw.

It-teknika artistika hija soġġetta għall-għażla tal-awturi. Minn tpinġijiet, pitturi u collages tal-istampi sa ritratti u kombinazzjonijiet ta’ tekniki differenti – irridu li tesplora l-kreattività tiegħek!

Kun oriġinali! Bil-parteċipazzjoni tiegħek, int tikkonferma li int l-uniku awtur u sid tad-drittijiet tal-awtur għax-xogħol artistiku sottomess.

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu sottomessi f’forma diġitali (JPG jew PNG) u preferibbilment f’format orizzontali (riżoluzzjoni rakkomandata: 1200x675 pixels). Tista' taqsam il-kontribuzzjoni tiegħek fuq Twitter, Facebook jew Instagram billi tuża l-hashtag #ZeroPollution. Tinsiex titteggja l-kontijiet Ambjentali tal-UE tagħna fil-post tiegħek sabiex inkunu nistgħu naraw ix-xogħol artistiku tiegħek u nsegwuk

Inkella, tista’ tibgħat il-kontribuzzjoni tiegħek lil EU-ENV-social-media@ec.europe.eu. Jekk jogħġbok kun ċert li l-isem u età tal-artist jissemmew fil-post tal-midja soċjali jew fl-email.

L-artisti jistgħu jissottomettu l-kontribuzzjonijiet tagħhom sal -15 ta’ Mejju 2021, 18:00 CET.

Ix-xogħlijiet tal-arti sottomessi se jintwerew matul il-Ġimgħa Ekoloġika tal-UE 2021 fuq il-midja soċjali, is-sit web tal-avveniment u/jew il-konferenza virtwali. Barra minn hekk, l-immaġnijiet se jiġu kkunsidrati bħala illustrazzjonijiet għal komunikazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tniġġis żero u aktar.

Aħna nirriżervaw id-dritt li nikkunsidraw jew ma nikkunsidrawx ix-xogħlijiet tal-arti sottomessi.
Jekk jogħġbok kun af li billi tissottometti entrata, int tagħti l-kunsens mhux ambigwu tiegħek għat-“
Termini u Kundizzjonijiet” tal-kompetizzjoni u għat-Termini tal-Użu ta’ Instagram, Facebook u Twitter, inkluż l-użu tad-data personali tal-awturi (l-età u l-isem) kif ukoll l-għoti tad-dritt mhux ristrett, mingħajr ħlas, perpetwu għall-użu, għar-riproduzzjoni, għall-komunikazzjoni, għall-modifika u għall-wiri tax-xogħlijiet (kompletament jew parzjalment) għal kwalunkwe skop mingħajr ebda ħlas jew forma oħra ta’ kumpens, u mingħajr ebda notifika jew permess.